L-oriġini
tal-belt ta' l-Isla tmur lura għal żmien
it-tmexxija ta' Malta mill-Kavallieri ta'
San Ġwann. Infatti fis-sena 1550 il-Gran
Mastru Juan D'Homedes qabbad lill-arkitett
Pedro Pardo biex jibni forti (iktar tard
magħrufa bħala Forti San Mikiel) fejn illum
hemm id-daħla ta' l-Isla. L-għan ta' dan
il-forti kien biex jindokra u jasses id-daħliet
madwar il-Port il-Kbir.
Aktar
tard taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Claude de
la Sengle, din il-belt bdiet tieħu sura ta' vera
belt. u bdew jinbarraw is-swar li llum idawwru
din il-belt, filwaqt li bdew jinbnew anke xi ftit
abitazzjonijiet.
Matul
l-Assedju ta' l-1565, il-Gran Mastru Jean
Parisot de la Vallette flimkien mal-Kavallieri
u l-Maltin ddefendew l-attakk Ottoman fuq
dawn il-gżejjer. Din il-belt kellha s-sehem
tagħha f'din id-difiża.
F'dan
l-Assedju l-belt ta' l-Isla kellha sehem
importanti u ewlieni f'din id-difiża. Minkejja
l-attakki ħorox u ripetuti mill-marmalja
Torka, din il-belt irreżistit bil-qawwa
kollha u b'kuraġġ liema bħalu. Tant hu hekk
li wara t-tmiem ta' dan l-Assedju, il-Gran
Mastru La Vallette żejjen lil din il-belt
bit-titlu ta' qatt mirbuħa "Civitas
Invicta".
Matul
it-tmexxija tal-Kavallieri f'Malta, din
il-belt kompliet żiedet fl-importanza tagħha
u għal żmien twil kienet meqjuma bħala t-tieni
l-aktar belt improtanti wara l-belt Kapitali
Valletta. Ma' kienux ftit dawk il-Kavallieri
li bnew djarħom f'din il-belt ta' l-Isla.
Dan wassal biex f'din il-belt kien hawn
livell ta' ħajja għolja meta mqabbel ma'
postijiet oħra fil-gżejjer Maltin.
Wara
li l-Kavallieri ġew imkeċċija minn Malta
mal-wsla ta' Napulju Bonaparti, din il-belt
reġgħet sfat għal darb'oħra fi stat ta'
assedju. F'dan iż-żmien il-belt ta' l-Isla
kienet tifforma parti mill-Muniċipalita
magħmula mill-ibliet ta' madwar il-port
li kienu mdawwra bis-swar.
Matul
iż-żminijiet imqallba taħt il-ħakma tal-Franċiżi
u fis-snin ta' transizzjoni fil-perjodu bikri
tal-ħakma Ingliża, l-abitanti ta' l-Isla kellhom
sehem kbir u ewlieni fil-formazzjoni ta' era ġdida
għal Malta.
Matul
il-ħakma Ingliża fuq Malta, il-forza Navali
Ingliża ħadet taħt it-tmexxija tagħha it-Tarzna
li kienu bnew il-Kavallieri, fuq naħa waħda
ta' l-Isla. L-Ingliżi komplew żviluppaw
din it-Trazna matul in-naħa l-oħra ta' l-Isla.
Dan
fiħ innifsu kien ta' benefiċċju għall-ġid ta'
l-Isla. Iżda fl-aħħar mill-aħħar dan wassal biex
fl-aħħar gwerra dinjija wasslet għall-qerda tal-belt
ta' l-Isla, billi din it-tarzna kienet il-mira
ewlenija ta' l-agħdu biex jeqirduha. Għalkemm
il-gżejjer Maltin kienu taħt attakk kontinwu bejn
Ġunju 1940 sa Awissu ta' l-1943, matul dan iż-żmien
kien l-aktar li din il-belt ġarrbet ħsarat u sofriet
miżerji kbar, peress li din il-belt ġiet kważi
meqruda u r-residenti kellhom jitilqu mid-djar
tagħhom.
L-isfreġu
li din il-belt sofriet matul il-gwerra issa ġie
rranġat u din il-belt reġgħet bdiet tagħti kontribut
lejn l-avvanz u l-iżvilupp tal-gżejjer Maltin.
L-Isla
- Il-Belt Fejn Noqgħod
(Fi kliem tifel li jattendi
l-iskola Primarja Dom Mauro Inguanez - Isla)
"Il-blet
fejn noqgħod jisimha l-Isla. L-Isla hija mdawra
bil-baħar minn tliet naħat u għalhekk tissejjaħ
peniżola. L-isem Isla, fil-fatt, ġej mill-kelma
"peniżola". L-Isla tissejjaħ ukoll Senglea,
wara l-Gran Mastru Claude de la Sengle, li hu
l-fundatur tagħha.
Ħafna
snin ilu l-Isla kienet bosk. Il-kavallieri
kienu jużawha bħala post għall-kaċċa.
Fl-Isla
għandna tliet knejjes sbieħ. Dawn huma l-knisja
ta' San Ġiljan, l-eqdem waħda, il-knisja
ta' San Filippu u l-knisja ta' Marija Bambina.
Il-knejjes huma kollha sbieħ iżda dik ta'
Marija Bambina hija l-isbaħ fosthom għax
Marija Bambina hija l-patruna ta' beltna.
Fl-Isla niċċelebraw festa kbira lill-Marija
Bambina fit-tmienja ta' Settembru. Hawn
min isejħilha l-festa tal-Vitorja.
L-Isla
għaddiet minn żewġ gwerer kbar u importanti
fl-Istorja ta' pajjiżna. L-ewwel waħda kienet
l-Assedju l-Kbir u l-oħra kienet it-Tieni
Gwerra Dinjija. Wara li ntemm l-Assedju
l-Kbir, il-Gran Mastru La Valletta sejjaħ
lill-Isla bħala Citta' Invicta. Din tfisser
li l-Isla qatt ma' kienet mirbuħa mit-Torok,
li kienu spiċċaw telliefa fl-Assedju.
Bħal
bliet l-oħra tal-Kottonera, l-Isla hija
mdawra bis-swar. Il-ġnien tal-Gardjola huwa
ġnien sabiħ ġo din il-belt. Dan il-ġnien
jismu hekk għax fiħ gardjola li tinsab fil-ġnien.
Fin-nofs hemm funtana ċkejkna. Fiħ jiġu
ħafna turisti sabiex igawdu l-veduta tassew
sabiħa tal-Port il-Kbir, bil-Belt Valletta
fuq naħa u l-Birgu fuq in-naħa l-oħra. Fl-Isla
hemm ukoll Dar Sant'Anna li fiha jgħixu
xi anzjani Sengleani."
[back
to top] |